Pierre Walton ta’ 53 sena mill-Gżira ġie mmultat filwaqt li ngħata sentenza ta’ probation wara li ammetta li hedded bi skieken lill-ħaddiema ta’ ristorant li kien jaħdem fih, fost oħrajn.
L-imputat tressaq quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi t-Tnejn filgħodu b’rabta mal-każ li seħħ is-Sibt 5 ta’ Awwissu.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-imputat kien tkeċċa minn xogħlu wara li kien jiġi għax-xogħol xurban. Kien hemm li huwa mar lura d-dar u ġab miegħu żewġ skieken tal-ħobż. Fil-fatt, ġie spjegat kif lill-oħtu l-imputat qallha li se joqtol lil ta’ fuqu.
Kien hemm li huwa mifhum li oħt l-imputat mal-ewwel ċemplet lill-Pulizija b’riżultat li arrestaw lil Walton fuq il-post.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jonathan Ransley xliet lil Walton li kkawża biża’ lil impjegati tal-ristorant, li żamm fuqu skieken mingħajr permess tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubblika, li kien xurban f’post pubbliku u li insulta u hedded.
Minkejja li ngħata ċans jirtira l-ammissjoni tiegħu, l-imputat ikkonferma li huwa ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-ammissjoni bikrija tal-imputat u l-fedina penali nadifa tiegħu. Huwa ġie mmultat €200 u tpoġġa fuq ordni ta’ probation għal 3 snin. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-impjegati u d-diretturi tal-istabbi