Travis Francis Xuereb ta’ 30 sena minn Santa Venera ġie kkundannat sena ħabs wara li ammetta li poġġa vażett bil-pjanta tal-ħaxixa u nota li tgħid “Darb’oħra nkun ippreparat b’xi ħaġa għat-tfal” wara l-bieb tad-dar tal-eks Kummissarju Ewropew Helena Dalli.
Fil-Qorti ħareġ li Xuereb ma riedx jagħmel ħsara anzi ried biss li jagħti rigal wara li f’seduta preċedenti Xuereb kien saħansitra stqarr li poġġa l-affarijiet quddiem ir-residenza ta’ Dalli għax ħaseb li din kienet tal-boxer Irlandiż Conor McGregor.
B’hekk hu ġie mixli bi traffikar ta’ droga u pussess mhux għall-użu personali tiegħu apparti li daħal fi propjetà privata mingħajr permess.
Dan filwaqt li l-imputat hu riċediv hekk kif kiser il-kundizzjonijiet b’rabta ma’ bail li kien ingħata wara li kien ta fastidju lil personalità televiżiva femminili.
Għaldaqstant, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, kkundannat lill-imputat għal sena ħabs effettiva filwaqt li ħarġet ordni ta’ trażżin u oħra ta’ protezzjoni favur il-familja Dalli.