Raġel ta’ 44 sena minn San Ġiljan tpoġġa taħt ordni ta’ trażżin wara li ammetta li ffastidja lill-eks tfajla tiegħu permezz ta’ telefonati u billi mar id-dar tagħha mingħajr ma kien mistieden.
Huwa tressaq il-Qorti t-Tlieta filgħodu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Eman Hayman spjegat li l-akkużat u l-vittma sseparaw f’Ġunju li għadda wara ġlieda żgħira. Madankollu, minkejja li wara dan l-episodju l-kuntatt bejniethom inqata’ għal kollox, xahar wara l-akkużat beda jċempel lill-eks tfajla tiegħu anke wara li kienu kellmuh il-Pulizija.
Fil-fatt, l-Ispettur Hayman qal li l-imputat mar id-dar tal-vittma wara li kellmuh il-Pulizija u deher f’filmati tas-sigurtà jdoqq il-qanpiena tad-dar tal-eks tfajla tiegħu.
Wara li r-raġel ammetta l-akkużi fil-konfront tiegħu, id-difiża ssuġġeriet ordni ta’ probation.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti avżat lill-imputat biex ma jagħmilx kuntatt mal-vittma. Huwa ngħata ordni ta’ probation u ta’ trażżin għal 18-il xahar.