Lawrence Micallef, ta’ 59 sena, ġie kkundannat 12-il sena ħabs wara li ammetta li stupra b’mod aggravat żewġ subien, wieħed minnhom kważi kuljum, għal madwar tliet snin.
Micallef ġie akkużat li beda jabbuża mit-tfal fl-2009 wara li beda relazzjoni ma’ omm iż-żewġ vittmi.
Din ir-relazzjoni kienet spiċċat għaxar snin wara, meta binha ż-żgħir, li kellu 12-il sena, kellimha dwar l-abbuż sesswali min dak li kien isejjaħlu missier.
Il-vittma rrakonta li kollox beda meta biss kellu 9 snin, wara li daħal fid-dar u ra lil ħuh għarkupptejh jagħmel att sesswali mar-raġel.
Meta tkellem ma’ ħuh, huwa qallu li ma seta’ jagħmel xejn għax l-akkużat kien heddu li jekk jgħid xi ħaġa, kien se jitfgħu minn Għar Ħasan għal isfel.
Madankollu, meta ż-żgħir ikkonfronta lir-raġel u staqsieh x’kien qed jagħmel lil ħuh, dan dlonk qallu li se jurih u wettaq att sesswali miegħu.
Ħareġ ukoll li ,qabel ma kien jabbużah, l-akkużat kien jara vidjows pornografiċi fuq il-mowbajl tat-tifel.
Fil-Qorti ntqal ukoll li dan l-abbuż kien isir waqt li l-omm kienet tkun rikoverta fis-sodda minħabba operazzjonijiet serji li kienet għamlet.
Il-vittma qal lill-akkużat kien jheddu li se jispiċċa ġo istitut, u ommu f’qiegħ ta’ qabar.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkundannat lill-akkużat 12-il sena ħabs wara li laqgħet rikors tal-Avukat Ġenerali u tal-akkużat, li ddikjaraw li kienu qed jaqblu fuq din il-piena f’każ li akkużat jammetti l-akkużi kollha li nġibu kontrih.