Lejliet li tibda l-votazzjoni tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, għaddejin iżjed intriċċi fil-partit, din id-darba b’rabta mal-votazzjoni.
Il-kummentatur politiku Simon Mercieca ppubblika kumment li rċieva m’għand dak li ffirma bħala Nazzjonalist iddispjaċut.
F’dan il-messaġġ hemm miktub li kanvassers ta’ Bernard Grech qalu lil xi tesserati Nazzjonalisti anzjani li huma mhux eliġibbli biex jivvutaw anki jekk mhux minnu.
Il-messaġġ wera l-għadab u l-uġigħ għas-sitwazzjoni fejn intqal kif dawk li qed jaħdmu fil-kampanja ta’ Grech qed jagħmlu hekk bl-aktar mod malinn, qarrieqi u giddieb ma’ membri anzjani tal-Partit Nazzjonalista.
Ġie allegat li nies mill-uffiċċju tal-kampanja ta’ Bernard Grech qalu lil dawn l-anzjani li ma jistgħux jivvutaw fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista u wara ndaġni li saret jirriżulta li dawn l-anzjani huma eliġibbli li jivvutaw fl-istess elezzjoni.
Il-messaġġ sejjaħ dan l-att bħala wieħed terribbli kontra anzjani tal-partit.
Intqal li dan ma kienx biss att kontra persuni vulnerabbli iżda anki att li juri nuqqas ta’ diċenza u rispett lejn min ħadem fil-partit fi żminijiet diffiċli.
Il-messaġġ għalaq billi dan in-Nazzjonalist dispjaċut saħaq li hu jistħi li hu Nazzjonalist u li ma jistax ikun spalla ma’ spalla ma’ dawk li huma taparsi Nazzjonalisti.
Intant il-votazzjoni se tieħu diversi jiem f’diversi każini Nazzjonalisti, u l-aħħar jum huwa s-Sibt tlieta t’Ottubru fejn wara se jsir l-għadd tal-voti.