Avukati, li qed jirrappreżentaw lil diversi akkużati fil-kawża tal-konċessjoni tal-isptarijiet, akkużaw lil wieħed mill-esperti maħtura mill-Maġistrat Gabriella Vella b’konflitt serju ta’ interess u li pprova jagħmel gwadann personali f’Malta, waqt li għandu preċedenti f’dan ir-rigward.
F’żewġ ittri uffiċjali, li tressqu quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, jissemma l-espert Samuel Sittlington, li kien inħatar biex jgħin lill-Maġistrat inkwirenti fl-Inkjesta tal-isptarijiet bi spiża ta’ ħdax-il miljun ewro.
Dawn l-ittri ġew ippreżentati ftit tal-ħin qabel ma jibda jixhed l-espert innifsu.
L-avukati, li qed jirrappreżentaw separatament lill-eks Segretarju Permanenti fil-Ministru għall-Finanzi, Alfred Camilleri, u Keith Schembri, Konrad Mizzi, Brian Tonna, Karl Cini u tliet kumpaniji, spjegaw li r-rapport, li għamel Sittlington f’dan ir-rigward, hu mimli “ineżattezzi u konġetturi sfaċċati” u saħansitra akkużawh ukoll b’imparzjalità u konflitt ta’ interess.
Fil-fatt, l-avukati semmew kif lura fl-2018, Sittlington kien ingaġġat mill-Gvern Brittaniku biex jassisti lit-taqsima tal-investigazzjonijiet dwar reati finanzjarji fil-pajjiż ta’ Guyana. It-taqsima kienet qed tinvestiga bosta persuni.
Jingħad li Sittlington fetaħ kumpanija privata tal-investigazzjonijiet tal-frodi fil-Guyana, u li allegatament kien qed juża informazzjoni sensittiva li kiseb permezz tal-investigazzjoni li kien qed jagħmel għall-Gvern Britanniku, biex jespandi l-interessi personali u l-kummerċjali tiegħu.
Dan wassal biex il-Gvern Brittaniku waqaf jaħdem ma’ Sittlington.
L-avukati Maltin allegaw ukoll li, waqt li kien qed jagħmel xogħol fl-inkjesta lokali biex jassisti lill-Maġistrat Vella, Sittlington ipprova jbigħ is-servizzi ta’ konsulenza tiegħu lill-Korp tal-Pulizija Malti għal somma li tqarreb il-miljun ewro.
L-avukati fissru dan l-aġir bħala konflitt ċar ta’ interess bil-għan ewlieni li jagħmel profitt qawwi mingħajr ebda rispett lejn il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura fl-istess inkjesta.