“Nixtieq ngħid lit-tfal biex jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku u nirringrazzja lil SportMalta tas-sosten li dejjem tatni”. Dan kien kliem Jake Vella, wieħed mit-tliet ambaxxaturi tal-ġimgħa Ewropea għall-Isport. Jake flimkien mal-kowc tat-tim Nazzjonali tal-water-polo Karl Izzo u Josephine Grima inħatru minn Sport Malta bħala ambaxxaturi għal din il-ġimgħa ddeddikata għall-Isport.
Fil-bidu għall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima flimkien ma’ SportMalta fetħu s-separju għal bidu ta’ Ġimgħa Ewropea tal-Isport li se tkun organizzata fil-kumpless sportiv tal-Qroqq.
Din l-attività qed timmarka l-għeluq tal-programm tant popolari mal-Maltin Summer on the Move.
L-ewwel avveniment għall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport ingħata l-bidu tiegħu fid-disgħa ta’ filgħodu b’diversi attivitajiet ghal nies ta` kull età fil-pixxina u fil-faċilitajiet tal-madwar. Barra il-logħob ta’ l-ilma, hemm ukoll ġinnastika, żfin, qdif u ħafna sport ieħor.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet Volontarji Clifton Grima ltaqa’ mal-kowċis u l-parteċipanti u qal li l-programm Summer On the Move laħaq in-numru ta’ 7000 parteċipant b’iktar minn 400 sessjoni fil-ġimgħa mmexija minn iktar minn 400 għalliem u kowċ kkwalifikat u li huma dedikati biex joffru servizz ta’ kwalità.
Is-Segretarju Parlamentari emfasizza li l-isport u l-attività fiżika regolari huma parti kruċjali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna Huwa żied jgħid li l-Kummissjoni Ewropea temfasizza li l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport għandha sservi biex tipromwovi l-ġlieda favur l-attività fiżika. L-għan ewlieni huwa li ċ-ċittadini Ewropej jkunu konxji mill-messaġġ #BeActive u jiġu inspirati biex l-attività fiżika ssir parti integrali fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta spjega li din hija il-ħames edizzjoni u li ser tkun differenti għax SportMalta ser toħrog mill-faċilitajiet tagħha u torganizza diversi attivitajiet f’lokalitajiet differenti, dan sabiex tagħti aktar ċans lin-nies jieħdu sehem viċin darhom.
Ħafna mill-attivitajiet huma ffukati bejn l-20 u 28 ta’ Settembru li ġej. Hu qal li din l-edizzjoni wkoll qed nagħmlu inizjattiva ta’ ġbir ta’ fliexken tal-plastic sabiex inħarsu wkoll l-ambjent. Huwa qal li din hija ġimgħa impenjattiva ħafna iżda sena wara sena skont l-Ewrobarometru qed tħalli l-frott, b’Malta tkun waħda mill-ftit pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea li qed ikunu aktar attivi.
SportMalta huwa l-koordinatur Nazzjonali tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport f’Malta, fejn għall-ħames sena konsekuttiva qed jitħejja programm vast u intensiv t’attivitajiet sportivi li se jilħaq il-gosti ta’ kulħadd.