Isem Jake Vella huwa sinonimu mad-dixxiplina tal-għawn, dan għaliex il-prattika f’dan l-isport tgħinu jegħleb l-isfida li ġabet magħha l-kundizzjoni f’saħħtu. Madanakollu, l-isfidi ma jaqtagħlux qalbu, tant, li fil-jum tat-Tnejn beda bi sfida li s’issa għadu qatt m’għamel bħalha.
Din id-darba l-atleta u ambaxxatur sportiv Malti ta’ tnax-il sena impenja ruħu b’għawma virtwali ta’ 100 kilometru, li permezz tagħha, se jkun qed jiġbor donazzjonijiet għall-Assoċċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati l-AAA u l-kampanja Wave of Change.
Fil-pixxina tal-Inspire f’Marsaskala, Jake flimkien ma’ għawwiema oħra permezz ta’ din l-isfida qed iqajmu kuxjenza dwar l-annimali abbandunati u l-impatt li qed iħalli l-plastik fuq l-ekosistema fl-ibħra Maltin.
B’kurżità staqsejnieh minn fejn ġietu l-ispirazzjoni biex permezz tal-għawn, jiġbor id-donazzjonijiet għal żewġ għaqdiet b’għanijiet soċjali differenti.
Jake spjegalna: “Tħajjart minn Neil Agius li għamel minn Sqallija għal Malta u nixtieq li nagħmel bħalu, imma 100K għalija hija naqra twila biex nagħmilha straight u tħajjart biex nagħmilha virtwali.”
Fl-ewwel jum tal-isfida tiegħu Jake qadef tliet kilometri.
Għawma ta’ dan it-tul tirrikkjedi sigħat ta’ taħriġ, fejn fil-fatt fiż-żmien li l-prattika tal-isport kien limitat minħabba l-imxija, l-atleta baqa’ jipprattika l-għawn f’pixxina privata.
Jake kompla jfissrilna: “F’Marzu li għadda kont qed immur ġo pool privata u minn hemm bdejt nitħajjar biex nagħmel din l-isfida.”
Jake kellu appell għall dawk li jixtiequ jagħmlulu aktar kuraġġ biex ikompli b’din l-isfida: “Min qed isegwini nixtieq li jagħti donazzjoni billi jidħol fuq il-page tiegħi, Jake Vella Athlete u hemm in-numri tal-AAA minn fejn jistgħu jagħtu d-donazzjoni u jagħtu donazzjoni kemm jista’ jkun.”