ONE NEWS tkellem maż-żagħżugħ Jake Mizzi li bħalissa għaddej bil-preparamenti biex fix-xhur li ġejjin iwettaq sfida. Dik li f’ġimgħa jimxi l-muntanja Toubkal, fil-Marokk, biex jiġbor il-flus b’risq it-tfal tal-Etjopja.
Meta ONE NEWS staqsa x’kienet l-idea li ġegħlitu jwettaq din l-isfida, Jake Mizzi qal hekk.
“Ftit tas-snin ilu kont holiday Ibiza, fejn kont qed nattendi ħafna parties u ħadt pjaċir u x’ħin wasalt lura, ħassejt ċertu emozzjoni li jien dejjem ingawdi imma qatt ma nagħti lura.”
Jake Mizzi, se jagħmel sfida fil-Marokk
Mizzi qal li qed iħares b’mod ottimist lejn din l-isfida tant li f’dawn il-ġimgħat għaddej b’taħriġ intensiv li jikkonsisti f’sigħat twal ta’ mixi madwar pajjiżna.
Fil-kummenti tiegħu, il-fundatur tal-Fondazzjoni Sigma, Keith Marshall spjega l-għan wara dan kollu.
“Jikkreaw avventura u bl-avventura nfasslu livell ta’ meaningfulness biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem. Nibnu teams, nibnu kemistrija qalb in-nies, nibnu pjattaformi biex niġbru l-flus, b’dawn il-flejjes nibnu proġetti, skejjel u affarijiet ta’ dan il-ġeneru u nibnu ħajjiet it-tfal.”
Keith Marshall minn Fondazzjoni Sigma
Fost ħafna proġetti minn Fondazzjoni Sigma, fis-snin preċedenti nediet il-“Women Empowerment Project” li jgħin 500 mara fis-sena permezz ta’ edukazzjoni fuq suġġetti vokazzjonali, bħal ħjata u tisjir.
L-inizzjattiva ta’ Jake Mizzi se toħloq erba’ klassijiet ġodda. L-għan ewlieni tal-fondazzjoni huwa li jinġabru 50,000 ewro, iżda l-għan personali ta’ Mizzi huwa li tinġabar is-somma ta’ 4,000 ewro minn din il-mixja li se jwettaq.
Mizzi għalaq il-kummenti tiegħu billi appella lin-nies biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom billi jidħlu fuq il-paġna tal-Fondazzjoni Sigma.