Għalkemm bħalissa l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi għalqu l-bibien tagħhom għall-istudenti kollha minħabba l-coronavirus, il-ħidma ta’ manutenzjoni sabiex dawn l-iskejjel ikollhom ambjent nadif, sigur u tal-aqwa livell kompliet f’madwar sitta u sittin skola f’Malta u f’Għawdex.
Ix-xogħlijiet jikkonsistu f’tikħil, żebgħa u anke tindif tal-ħitan, l-art u diversi postijiet li t-tfal iqattgħu l-ħin ta’ rikreazzjoni fih matul ġurnata skolastika.
Fi żjara li l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici għamel fl-Iskola Sekondarja tal-Verdala, li wkoll qed isirilha manutenzzjoni, qal li ambjent sabiħ jagħmel differenza kbira fl-esperjenza edukattiva tal-istudenti u l-għalliema. Huwa saħaq li minn sitwazzjoni negattiva ħarġet sitwazzjoni pożittiva, hekk kif diversi xogħlijiet ma setgħux isiru bit-tfal fl-iskola.
Il-Ministru qal, “Meta tagħmel xogħolijiet meta jkun hemm it-tfal huwa diffiċli ħafna iġfieri l-ammont ta’ xogħol li jsir waqt li jkun hemm it-tfal fl-iskejjel huwa limitat ħafna. Allura ħadna din l-opportunita issa li t-tfal li qed jiġu l-iskola biex ċertu xogħol illi konna qed nistennew illi t-tfal joħorġu mill-iskola biex isir, isir issa.”
Dr Bonnici fakkar fid-deċiżjoni għaqlija li ħa l-Gvern fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa li jagħlaq l-iskejjel biex hekk jibqa’ jkun hemm kontroll fuq l-imxija tal-coronavirus.