Raġel ta’ 52 sena mis-Sannat, Għawdex ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Dan hekk kif instab ħati li f’Settembru ta’ sitt snin ilu, ikkawża ħruq fil-vettura tal-eks sieħba tiegħu.
Dan fl-istess waqt li kien ordnat iħallas €4600 fi ħsarat fi żmien sitt xhur. Kien fil-lejl ta’ bejn il-ħdax u t-tnax ta’ Settembru, li l-vittma pparkjat il-karozza tagħha f’post kemxejn imwarrab fix-Xlendi fejn rat lill-akkużat, l-eks sieħeb tagħha, għaddej bil-vettura tiegħu.
Intqal ukoll kif aktar tard, il-vittma sabet tajer tal-karozza mifqugħ u ddeċidiet li tħalli l-vettura hemm, issakkarha u tmur tagħmel rapport l-għassa. Ftit tal-ħin wara, l-Pulizija ċemplu lill-vittma u infurmawha li l-karozza tagħha kienet ħadet in-nar u nqerdet. Intant, il-maġistrat Joe Mifsud sab lir-raġel ħati ta’ dan l-attakk, li kien motivat mill-inabilita’ tar-raġel biex jaċċetta t-tmiem ta’ relazzjoni ta’ ħdax-il sena mal-vittma.