Dak li kien temp sabiħ għal dawk li jħobbu temp Xitwi, għal oħrajn din il-grigalata kienet tfisser biss ħsara u xogħol ta’ tindif. Wara l-maltemp li ħakem lil pajjiżna u l-mewġ għoli li kkawża ħsarat, f’Tas-Sliema, matul din il-ġimgħa bdiet il-ħidma biex il-ħamrija terġa’ titpoġġa fejn kienet u s-siġar jerġgħu jingħataw il-ħajja.
Din ma kinitx l-unika ħidma għaddejja fil-lokalitajiet Maltin, hekk kif kienu total ta’ 60 uffiċjal pubbliku mid-Direttorat tat-tindif li kienu impenjati f’ħidma intensiva sabiex jitneħħa l-iskart matul il-jum tas-Sibt filwaqt li aktar minn 70 uffiċjal ssejħu l-Ħadd. Bejniethom dawn ġabru 177 tunnellata ta’ skart, f’servizz ta’ emerġenza biex ikun żgurat li jitneħħa l-periklu u l-ingombru miż-żoni l-aktar milqutin.