Vjaġġ ta’ għaxar snin ikkaraterizzat minn dedikazzjoni, preċiżjoni u paċenzja, wasslu biex xogħlu jinsab espost f’diversi knejjes u palazzi f’Malta u Għawdex.
Il-linef ta’ Mark Edward Mifsud jinsabu fil-knejjes tan-Naxxar, ta’ San Pawl u Santu Wistin fil-Belt Valletta, tal-Imġarr u r-Rabat f’Malta, u tal-Għarb u f’tal-Grazzja fir-Rabat Għawdex. Dan filwaqt li rrestawra l-linef tal-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta u l-Palazz ta’ San Anton.
Bil-linfa restawrata tal-Palazz ta’ San Anton fl-isfond, b’madwar ħamest elef biċċa ta’ kristall, Mifsud ħadna lura għaxar snin meta kien fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.
Konna nkunu grupp ta’ nies narmaw għall-festa u ddeċidejt nirranġa l-brazzi tal-Knisja. Kien ġie l-pirjol u qalli titħajjar tagħmel il-linef? Għidtlu ifhem linfa u brazz żgħir hemm daqsxejn ta’ differenza, imma nippruvaw.
Minn hemmhekk imbarka fuq vjaġġ li matulu sfrutta l-potenzjal tat-talent tiegħu u ħadem b’reqqa u b’għajn għad-dettall biex bena linef mill-ġdid u rrestawra oħrajn.
Spjega li f’każ ta’ restawr issir riċerka intensiva fejn jiġu analizzati b’reqqa ritratti antiki, għalkemm ikun meta jieħu l-qisien li jinduna fejn qiegħda l-ħsara.
Qal li meta jibni linfa mill-ġdid, il-proċess ikun ferm iktar kumpless, fejn isir disinn fuq pjanta u jara kemm hemm bżonn ħġieġ biex il-linfa tinbena.
Mill-karta nippruvaw nagħmluh realtà avolja meta tkun qed tiddisinja fuq il-karta u ġġibu għar-realtà mhux dejjem ħa jiġi l-istess għax hemm elementi differenti bħall-piż tal-ħġieġ għax jekk jiddendel kif irid hu joqgħod u tirranġa inti skont il-qisien li jkollok.
Huwa spjega li l-materjal oriġinali tal-linef l-antiki – li jmorru lura għas-seklu tmintax, huwa ħġieġ – li jinħadem kollu bl-idejn.
Illum il-ġurnata, meta jkun hemm bżonn li jiġi replikat, jintuża l-kristall għaliex huwa iżjed b’saħħtu u fih iċ-ċomb.
Kull ħġieġa minn ħġieġa żgħira sa ħġieġa kbira kollha maqtugħin bl-idejn u ma jkunx ħġieġ oħxon ikun ħġieġ irqieq allura iżjed jirrikjedi sengħa biex jinqata’ u iżjed ħin ovvjament.
L-aktar ħaġa ta’ sodisfazzjon għal Mark hija meta jara lin-nies japprezzaw ix-xogħol tiegħu.
In-nies jindunaw. Kif tara linfa li hija restawrata friska u nadifa, l-għajnejn awtomatikament jiffukaw fuqhom.
B’imħabba lejn is-suġġett, innota li fil-Medjuevu, il-linfa kienet biss oġġett ta’ dawl, iżda maż-żmien saret xi ħaġa ta’ prestiġju – li ssibha fil-palazzi bħala simbolu ta’ poter.
Bi tbissima qal li l-istorja ta’ dan l-ornament prestiġġjuż se tibqa’ tevolvi minn ġenerazzjoni għall-oħra.