Id-deputat Nazzjonalista Tony Abela ma ddikjarax, fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu, is-sehem f’kumpanija ma’ traffikant tad-droga li fl-aħħar xhur kellu sentenza ta’ ħabs fil-konfront tiegħu kkonfermata mill-Qorti tal-appell kriminali.
Abela huwa wieħed mill-iktar deputati ġodda ta’ Simon Busuttil, għax daħal fil-parlament ftit tax-xhur ilu. Dik tal-aħħar ġimgħat kienet l-ewwel dikjarazzjoni tal-assi tiegħu wara li rritorna fil-Parlament. Dikjarazzjoni tal-assi li reġgħet poġġietu bħala wieħed mill-iktar deputati li għandhom ġid fil-Parlament Malti.
Madanakollu, żvela l-ġurnal KullĦadd, jispikka x’naqas milli jinkludi Tony Abela fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu. Minn stħarriġ tal-ġurnal KullĦadd jirriżulta li Tony Abela għad għandu ismu jidher fuq ir-reġistru tal-kumpaniji ta’ l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ma’ ċertu Andrea Zammit, magħruf aħjar bħala Indri Zammit. Zammit kien weħel 18 -il sena ħabs b’rabta ma’ traffikar ta’ droga fl-2010, liema sentenza kienet ikkonfermata f’Jannar ta’ dis-sena. Dan f’sentenza studjata li analizzat kemm huma serji l-akkużi li tagħhom instab ħati is-sieħeb ta’ Abela fin-negozju.
Fil-fatt, Abela u Zammit huma tnejn minn ħames sidien ta’ AJACA FISHING COMPANY LIMITED u skont it-tagħrif tal-MFSA bejniethom huma għandhom nofs l-ishma tal-kumpanija. Meta snin ilu ħarġet għall-ewwel darba fil-beraħ l-aħbar dwar din il-kumpanija bejn dak li kien membru tal-kabinett u kanvasser tiegħu kien intqal li AJACA FISHING COMPANY LIMITED kienet se tkun likwidata. Iżda sal-lum għadha tidher bħala kumpanija reġistrata mal-MFSA.
B’hekk minn għada stess tista’ taqbad tkompli tinnegozja. Minkejja dan Abela ħbiha mid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu. Fl-1994 Indri Zammit kien inqabad idahhal bi €23,000 affarijiet b’kuntrabandu permezz tal-lanċa tal-kumpanija. Fuq dan il-każ Zammit kien weħel multa ta’ kwazi €60,000 u kien inghata wkoll sentenza sospiza ta’ priġunerija. Ir-rabta bejn dawn iż-żewġ persuni dejjem kienet sors ta’ kontroversja. Saħansitra l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi għamel diversi dikjarazzjonijiet fl-2006 fejn kien qal li huwa jemmen il-verzjoni ta’ Tony Abela dwar il-kaz ta’ l-AJACA FISHING COMPANY LIMITED u Indri Zammit, u saħaq li għalih din hija storja magħluqa.
Iżda, jidher li ma ngħalqet qatt bħalma ma ngħalqtix il-kumpanija. Interessanti kif Tony Abela qatt ma ddikjara s-sehem tiegħu f’dil-kumpanija la meta kien fil-Kabinett u lanqas illum bħala Membru Parlamentari. Abela li llum huwa deputat mingħajr settur li jitkellem fuqu jibqa’ magħruf bħala deputat li joħroġ għexieren ta’ eluf ta’ ewro mill-but fil-kampanji ġbir ta’ fondi. Saħansitra kien ukoll teżorier tal-Partit Nazzjonalista b’aċċess għal JS List. Iben Tony Abela, Sam, illum huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista .