Il-Partit Nazzjonalista ħarab milli jwieġeb mistoqsijiet diretti dwar l-iskema tal-istabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel essenzjali, li se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Frar li ġej.
Dan hekk kif, f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, ONE News staqsa lill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Justin Schembri u Graziella Attard Previ dwar dak li kien qal Ivan Bartolo tas-6pm dwar il-ftehim milħuq mill-Gvern għal stabbiltà ta’ aktar minn 400 prodott tal-ikel.
Bartolo kien iddikjara, f’attività tal-Partit Nazzjonalista fl-Isla, li mhux sew li l-Gvern qed jagħfas fuq l-importaturi biex inaqqsu l-prezzijiet tal-ikel.
Waqt li l-Gvern, permezz tal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, kien għaddej b’diskussjonijiet importanti f’dan ir-rigward, Bartolo kien qal hekk…
“L-Onorevoli Silvio Schembri qed iħabbat bieb bieb, qed jitkellem man-negozjanti li jimportaw l-ikel, għax qed jieħu inizjattiva biex jara kif se jraħħas il-ħajja.”
“Ma tistax toħroġ hemm barra u lin-negozjant tgħidlu ara x’se tagħmel ħa traħħas il-prezzijiet.”
“Mela waqt li kollox qed jgħola, qed ngħidulu raħħas il-prezzijiet.”
Minkejja dan, meta mistoqsi dwar dan, Justin Schembri, evidentement skomdu bis-sitwazzjoni, qalilna biex immorru nistaqsu lil Ivan Bartolo stess.
“Ivan J. Bartolo, fil-kapaċità bħala Shadow Minister, ikun jista’ jitkellem dwar il-pjan tal-Partit Nazzjonalista. Ikun jista’ jwieġeb fir-rigward ta’ mistoqsijiet relatati mal-qasam speċifiku.”
Waqt li mingħand Schembri ma ħadna l-ebda risposta xierqa, ittantajna xortina ma’ Graziella Attard Previ. Iżda minflok din farfret iżjed minn Schembri.
“Jien għandi l-istess … għandi l-istess risposta li għadu kemm qal l-Onorevoli Justin Schembri.”