Gemini, pjattaforma tal-crypto currency imwaqqfa mill-biljunarji Amerikani, it-tewmin Winklevoss, se ċċaqlaq il-kwartieri ġenerali tagħha mill-Irlanda għal Malta. Il-kumpanija żvelat dan mal-Irish Independent, li ddeskriviet il-bidla bħala waħda rari għal ditti multinazzjonali.
“Malta issa se sservi bħala l-Kwartieri Ewropej tagħna, li jippermettilna nkomplu nkabbru l-operazzjonijiet tagħna madwar l-Ewropa kollha,” qal kelliem għall-kumpanija lill-Irish Independent.
“Għażilna lil Malta minħabba l-approċċ proattiv tagħha biex trawwem l-innovazzjoni fid-dinja tal-fintech u l-assi diġitali. Aħna qiesna l-għażliet tagħna u għażilna l-ġurisdizzjoni li l-aktar li tappoġġja l-pjanijiet tagħna ta’ tkabbir,” stqarr l-istess kelliem.
Din il-mossa ta’ Gemini seħħet inqas minn sentejn wara li għażlet lill-Irlanda biex tilqa’ l-kwartieri ġenerali tagħha fl-UE. Iżda issa l-kumpanija tqis lil pajjiżna ferm aktar proattiv; pajjiż li jipprovdi l-ambjent ideali għan-negozju.
Dan mhux b’kumbinazzjoni. Il-Ministru Silvio Schembri qal li pajjiżna qed jiġbed lejh interess serju minn uħud mill-ikbar ismijiet f’dan is-settur. Dan, spjega l-Ministru, pajjiżna jista’ jagħmlu għax kien fuq quddiem biex illegalizza b’tali mod li jattira kumpaniji serji f’dan il-qasam.
“Fl-2018, Malta kienet l-ewwel pajjiż li waqqafna qafas regolatorju li jaħdem fuq attivitajiet fuq blockchain u assi finanzjarji virtwali. Minn din is-sena, dak li aħna għamilna sitt snin ilu se jkun obbligatorju fil-pajjiżi kollha Ewropej. Konna vuċi waħda fid-deżert, iżda dik il-vuċi waħda tatna sitt snin vantaġġ, sitt snin ta’ esperjenza. Illum għandna 16-il kumpanija liċenzjata f’pajjiżna fuq assi finanzjarji virtwali, bi 17-il kumpanija oħra fil-proċess biex jiksbu liċenzja. U ejja ngħidu l-verità, dwar din l-industrija li l-PN ilhom iżebilħu u jiddieħku bina u jsejħulha gimmick sa mill-2018. Dan kollu għax m’emmnux li anke f’dan il-qasam li kien kompletament ġdid ftit snin ilu għal pajjiżna kapaċi naslu. Kull settur għandu bżonn iż-żmien biex jimmatura u llum aktar minn qatt qabel qegħdin verament naqtgħu l-frott ta’ dak li emminna fih,” qal il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri.
Hekk kif l-Ewropa qed taġġusta ruħha għal dan is-settur, u s-settur innifsu qiegħed jistabbilizza u jimmatura, kumpaniji kbar oħra bħal Socios u Crypto.com diġà għażlu lil pajjiżna biex jiksbu l-liċenzja u jkunu jistgħu joperaw. F’ġimgħa waħda ma’ kellniex biss l-aħbar tal-kumpanija Gemini li għażlet lil Malta iżda wkoll il-kumpanija Qamar ventures.
Qamar Ventures ħabbret li bdiet topera minn pajjiżna bi pjani li tinvesti €10 miljun fiż-żmien li ġej.
L-imprenditur Franċiż Alexander Dreyfus, li hu wkoll il-moħħ wara l-kumpaniji oħrajn kbar tal-Blockchain u l-isports, Chilliz u Socios.com, li għadha kemm ingħatat liċenzja biex topera f’pajjiżna, tenna li Qamar Ventures tirrappreżenta pass importanti għall-ekonomija diġitali f’pajjiżna.
Dan l-investiment qed jitqies bħala wieħed ambizzjuż li għandu l-għan li jittrasforma l-midja diġitali, flimkien mat-teknoloġija, id-divertiment u l-isports.
Fi stqarrija, Dreyfus qal li, wara 15-il sena residenti f’Malta, jara potenzjal u talent enormi fl-opportunitajiet li jeżistu fis-settur lokali. Tenna li dan l-investiment għalih ifisser impenn biex ikompli jgħin fit-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku Malti u biex pajjiżna jkun ċentru ta’ innovazzjoni u eċċellenza.