L-aġenzija għall-Industrija tad-difiża Taljana, ħabbret li tat żewġ bastimenti navali lill-gwardja tal-kosta Libjana, bħala parti minn proġett bil-għan li jimmaniġja b’mod aħjar il-fruntieri u l-migrazzjoni fil-Libja.
Fi stqarrija li ppublikat l-aġenzija, qalet li ż-żewġ bastimenti, li bħalissa qegħdin jiġu renovati, huma parti kruċjali minn ftehim bejn l-aġenzija, il-Ministeru tal-Intern, id-Direttorat Ċentrali għall-Immigrazzjoni u l-Pulizija tal-fruntieri.
Iċ-ċeremonja li rat l-iffirmar tar-rapport uffiċjali, ittellgħet fil-preżenza ta’ membri minn Direttorat Ġenerali fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ċentrali għall-Immigrazzjoni u l-pulizija tal-fruntieri, il-Kummissjoni Teknika Libjana, l-Aġenzija għall-Industrija tad-difiża u l-Pulizija tal-finanzi Taljana.
Dawn il-patrol boats, li se jingħataw permezz ta’ proġett Ewropew, huwa maħsuba biex jikkontrollaw l-attivita’ ta’ traffikar uman fil-fruntieri u b’hekk il-baħar Mediterran ikun aktar sigur.