“Ftehim li jagħtina s-serħan il-moħħ u li jimlina b’kuraġġ biex naħdmu b’trankwilitá f’ġieħ il-kultura.”
Din kienet ir-reazzjoni ta’ waħda mill-Presidenti tal-ħames każini tal-banda li b’intervent dirett mill-Gvern ġie evitat li jibqgħu f’riskju imminenti ta’ żġumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali tal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.
Fil-fatt, l-għan ta’ dawn il-konvenji hu li l-Gvern jixtri dawn il-proprjetajiet sabiex b’hekk jiġu salvati dawn is-soċjetjiet mużikali.
L-investiment li l-Gvern se joħroġ għall-akkwsit ta’ dawn il-ħames propjetajiet fil-mument li dawn il-konvenji jimmaturaw f’kuntratti huwa ta’ aktar minn €10 miljun.
Il-President tal-Każin Banda 12th May Band and Social Club ta’ Ħaż-Żebbuġ, Mariella Mizzi spjegat li dan il-ftehim jagħti s-serħan il-moħħ u b’hekk is-sede ta’ dan il-każin jibqa’ sigur u ma jkunx f’periklu.
“Fi żmien li għandna tant fatturi fil-ħajja soċjali tal-lum li jmorru kontra t-tradizzjonijiet, aħna l-kumitat, is-sezzjonijiet u l-membri għandna bżonn serħan il-moħħ f’li almenu s-sede hija xi ħaġa sigura u li ma tkunx fil-periklu b’hekk aħna nistgħu nibqgħu naħdmu trankwilli f’ġieħ il-kultura, f’ġieħ il-festa, f’ġieħ dak kollu li jagħmilna Maltin”.
Tal-istess fehma kien Christopher Grech, President tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija tal-Mosta fejn spjega li l-Gvern għamel pass importanti li huma mhux biss ta’ ġid għal-lokal imma anke għall-kultura, dan anke fid-dawl li l-festa Maltija hija meqjusa bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.
“Il-Gvern għamel dan il-pass importanti fejn illum qed jinxtraw ħames każini, u diġà nxtrat waħda, għax il-każin l-ieħor proprju ta’ sittax-il każin li b’hekk issa dawn għandhom serħan il-moħħ li jkomplu joperaw fis-setgħa tagħhom għall-ġid tal-lokal għall-ġid tal-festa u ngħidu wkoll li fil-każini mhux biss isiru l-attivitajiet u l-festa imma huwa n-nukleu fejn ħafna żgħażagħ jattendu biex jitgħallmu l-mużika, itellgħu attivitajiet u b’hekk inżommu l-lokal u l-każin ħaj.”
It-tliet konvenji l-oħra huma tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru fil-Ktajjen Birżebbuġa, is-Soċjetà Sant’Andrija ta’ Ħal Lija u l-Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara.
Dawn il-ħames binjiet jingħaqdu ma’ lista ta’ sitt binjiet oħra li kienu mħabbra aktar kmieni f’Marzu ta’ din is-sena.
B’kollox għal dawn il-11 il-propjetajiet tas-Soċjetajiet Mużikali li qed jiġu salvagwardjati u salvati l-futur tagħhom, il-Gvern se joħroġ aktar minn sittax-il miljun biex jixtrihom.