Raġel iddaħħal l-isptar wara li spiċċa ferut gravi waqt argument bejn żewġt irġiel illum waranofsinhar fil-Ħamrun. L-aggressur ta ruħu b’idejh lill-Pulizija fl-għassa ta’ Ħal Qormi ftit tal-mumenti wara li seħħ l-inċident.
L-argument seħħ f’basement taħt kumpless ta’ appartamenti fi Triq Dun Frans Camilleri, il-Ħamrun.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn sabu raġel ta’ 42 sena, residenti l-Ħamrun stess, mitluq mal-art u kien jidher li kellu xi dmija. Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li għal xi raġuni qam argument bejn żewġt irġiel u wieħed minnhom kien allegatament qala’ daqqiet ta’ arma li taqta’.
Jidher li l-aggressur li għandu 36 sena, residenti l-Ħamrun telaq minn fuq il-post u iktar tard mar fl-Għassa ta’ Ħal Qormi fejn hemmhekk ġie arrestat mill-Pulizija u għadu qiegħed jinżamm għall-iktar stħarrig.
Ir-raġel ta’ 42 sena ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura u ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.