Nuqqas ta’ ftehim sfortunat wassal biex missier irrabjat ta’ daqqa ta’ ponn lill-persuna żbaljata. Danrof Vella, ta’ 29 sena minn Ħaż-Żabbar, wieġeb mhux ħati meta ġie akkużat li darab gravi lill-vittma u li possibilment ikkawżalu diżabilità permanenti.
Kollox beda meta iben ir-raġel, ta’ 11-il sena, qal lil missieru li kien offiż minn stranġier.
Fis-saħna tal-mument, il-missier mar fil-pjazza u ta daqqa ta’ ponn lil raġel li ħaseb li kien dak deskritt minn ibnu.
Jidher li d-daqqa kkawżat lill-vittma għadd ta’ ġrieħi f’għajnejh.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €10,000 filwaqt li ġie ordnat imur jiffirma fl-għassa tal-pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni, filwaqt li wissiet lill-missier biex bl-ebda mod ma javviċina l-vittma.