“Il-bżonn tad-demm qisu bħall-ilma fid-deżert. Jista’ jkollok borża flus fid-deżert għax ma tiswa xejn quddiem il-bżonn tal-ilma. U l-istess il-bżonn tad-demm għal min jiġi bżonnu.”
Kien b’dan il-mod li Rueben Debono, donatur tad-demm għal dawn l-aħħar 40 sena, spjegalna l-importanza tal-għoti tad-demm għal min jiġi bżonnu.
Bżonn li fil-fatt irrikorra għalih hekk kif inċident sfortunat b’murtal fl-età ta’ sbatax-il sena ħallietu mingħajr idu għall-bqija ta’ ħajtu.
Tenna kif quddiem dan l-inċident huwa ma setax jibqa’ jħares lura.
“Jiena weġġajt żgħir imma ma bdejt inħares lura jien. Bdejt inħares ’il quddiem, qatt ma ħarist lura u nfatti l-kuraġġ kollox għax anke jien meta weġġajt anke x’ħin rawni qed tifhimni, jgħidulek dan qisu m’għandu xejn imbierek Alla.”
Kien hawn li Rueben Debono sostna l-importanza tal-għoti tad-demm.
“Dan filli tkun għaddej fit-triq ikollok inċident u l-flus ikollok kemm ikollok ma jiswew xejn. Dan bħal meta qiegħed f’deżert, ikollok xkora flus u tkun mingħajr ilma. Mingħajr ilma ma tagħmel xejn jiġifieri tista’ twaddabha lil hemm l-ixkora tal-flus u tara kif ħa tagħmel biex tixrob u hekk id-demm. Id-demm l-iktar ħaġa importanti.”
ONE News tkellem ukoll mad-Direttur tal-Bank tad-Demm Dr Monique Debattista hekk kif spjegat kif id-domanda għad-demm dejjem qed tiżdied.
“Id-domanda matul iż-żmien dejjem tiżdied. Il-proċeduri l-isptar dejjem jiżdiedu, isiru aktar sofistikati, it-trattamenti li qed nagħtu lill-pazjenti jaf ikun hemm bżonn ta’ iktar demm warajhom. Bħala medja qabel konnha qisna 50 borża kuljum. Naħseb illum qed inqarrbu s-sittin borża kuljum.”
Hija tenniet l-appell biex aktar nies jirrikorru jagħtu d-demm filwaqt li spjegat li issa persuna tista’ tirriżerva appuntament sabiex tkun ċerta li ma ddumx sabiex tagħti d-demm.
“Il-ħinijiet tal-ftuħ tagħna miftuħin kuljum preċett bil-Ħdud u l-festi pubbliċi bejn it-8am u 6pm. Dejjem ngħidu lin-nies iġibu l-karta tal-identità magħhom. Bħala preparazzjoni mhux ikkumplikata. Jieklu xi ħaġa ħafifa qabel mhux imxaħħma, jixorbu ħafna ilma u kemm jista’ jkun l-ewwel sagħtejn qabel id-donazzjoni ma jpejpux.”
Intant qabel tlaqna, Ruben Debono kellu appell.
“Illum ngħid ħaġa waħda. Min jista’ jagħti d-demm, jagħti d-demm għax dak importanti. L-ewwel nett tkun qed tgħin lilek innifsek u tkun qed tgħin l-soċjetà u lill-umanità. Dik l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja.”