Jgħidu li l-klieb huma l-akbar ħbieb tal-bniedem, jagħtuk imħabba liema bħalha u jekk f’mumenti tħossok waħdek, il-kumpanija ta’ kelb żgur tqawwilek qalbek.
Għal bosta, l-kelb huwa l-annimal ippreferut fid-dar.
Hemm min jaddotta minn wieħed mis-santwarji u hawn min jagħżel li jixtri.
Iżda, qabel ma wieħed jixtri għandu jkun jaf x’għandu jfittex biex jassigura li qed jixtri kelb b’saħħtu.
Tkellimna ma’ Mary Rose Spiteri, is-Segretarja tal-Malta Kennel Club, hija qaltilna li bħala klabb jassigura illi l-klieb irreġistrati magħhom ikunu tal-ogħla kwalità.
Qalet, “Allura qed nipprovaw nedukaw lin-nies illi jagħmlu dan, jitolbu l-pedigree u jaraw illi l-kelb huwa rreġistrat mal-klabb tagħna u jaraw li ma jiġux minn xulxin. Jiena biżżejjed jgħidli l-kelba tiegħi għandha dan l-isem tal-pedigree ta’ dan li tħajjart ngħammar miegħu għandha dan l-isem, niċċejkalu u ngħidlu ok go ahead, m’għandekx problemi għall-pedigrees.”
Is-Sinjura Spiteri kompliet tispjegalna li biex jinqatgħu l-abbużi ħatru tliet veterinarji biex il-membri tagħhom jkunu jistgħu jgħammru l-klieb u jagħmlu t-test tad-DNA tal-ġenituri u tal-ġriewi ta’ tmien ġimgħat bi prezz imraħħas.
Dan il-ftehim sar bħala serħan il-moħħ illi l-klieb ikunu tal-ġenituri vera li jkunu mniżżla fuq il-pedigree.
Spjegat, “Min ikun breeder serju qal sewwa għamlu, min ikollu mottivi oħra jew jaħsibha mod ieħor ħa ngħidu hekk, m’għoġbithomx. Għax din jidħlu naqra spejjeż, din għandek spejjeż għal kull ġeru.”
U meta stqasejna liema razez huwa l-aktar popolari fost il-Maltin, dlonk qaltilna li huma l-King Charles u French bull dogs bħala klieb żgħar, imma hemm min ukoll jippreferi l-klieb kbar ukoll.
Qalet, “Hemm il-German Sheperd, il-golden retrevers, il-labradors ħadu ħafna għax qed iġibu minn barra, hemm ħafna aktar razez u l-boxers, hemm ħafna razez ta’ klieb li huma favoriti man-nies”