F’affidavit li ħa, Peter Caruana Galizia, ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia, iddikjara li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li Dr Joseph Muscat u martu, is-Sinjura Michelle Muscat irċievew flus mill-Ażerbajġan.
Fl-affidavit, Dr Caruana Galizia jgħid li martu ma kinitx qaltlu min huma dawk li huwa iddeskriva bħala sorsi anonimi f’Pilatus Bank u li fuq il-bażi ta’ dokumenti ippreżentati minn naħa tagħhom, inbniet il-gidba Egrant.
Fil-Qorti, ir-raġel ta’ Daphne Caruana Galizia ddikjara wkoll li r-Russa Maria Efimova, imfittxija fuq sperġur, tista’ tkun u tista’ ma tkunx waħda mis-sorsi li kellha martu.
B’reazzjoni għal dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Peter Caruana Galizia, Dr Joseph Muscat innota dan l-iżvilupp fl-isfond tal-gideb li sar fil-konfront tiegħu u ta’ familtu.
Innota wkoll kif il-familja Caruana Galizia baqgħet iżda ma taċċettax il-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar Egrant ta’ dak iż-żmien il-Maġistrat Aaaron Bugeja.
Qal li hu se jirrispetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galzia anki jekk din ħadet direzzjoni ferm lil hemm mit-termini ta’ referenza, abbandunat l-istess termini u huwa ċar x’se tkun il-konklużjoni.
“Jien nirrikonoxxi l-inkjesti indipendenti kemm meta jogħġbuni x’jgħidu kif ukoll meta ma jogħġbunix”, temm jgħid Dr Muscat.