L-iżjed persuna kmieni li kienet wara l-bieb ta’ ħanut kienet fil-23:00 tal-bieraħ filgħaxija.
Hekk sostniet il-Kap Eżekuttiv tal-GRTU Abigail Mamo fejn iddeskriviet il-Jum Iswed, magħruf aktar bħala Black Friday, bħala jum li beda b’suċċess kif kien mistenni. Spjegat kif il-GRTU kellha feedback pożittiv ħafna mill-inħawi kollha f’Malta u Għawdex b’mijiet ta’ persuni bdew iħabirku kmieni biex iżommu post quddiem il-ħanut.
Spjegat kif għalkemm uħud mill-ħwienet fihom il-kjus xorta l-flow tan-nies miexi u mhux qed ikollhom jistennew ħinijiet twal. Dan għaliex ħafna ħaddiema li s-soltu jaħdmu fl-uffiċini ta’ dawn in-negozji, illum qegħdin fil-ħwienet biex jaqdu l-klijenti.
Mamo qalet kif għalkemm għadu kmieni biex tqabbel mas-sena l-oħra, jidher biċ-ċar li l-moda ta’ Black Friday sa issa hija waħda pożittiva.