Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, ħabbret li l-istaġun tal-kaċċa tal-gamiem u dak tal-insib tal-pluvieri, għalqu qabel iż-żmien.
Fi stqarrija l-FKNK sostniet li l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem ingħalaq fil-11 ta’ Settembru 2021, jiġifieri 19-il ġurnata qabel previst. Dan filwaqt li l-istaġun tal-insib għall-pluvieri wkoll għalaq 7 ijiem qabel previst, jiġifieri fit-3 ta’ Jannar.
Dan hekk kif fiż-żewġ istanzi ntlaħqu l-kwoti nazzjonali qabel iż-żmien stabiliti bil-liġi.
Il-Federezzjoni rrimarkat kif fit-3 snin ta’ qabel jiġifieri fl-2018, 2019 u 2020, l-istess kwoti qatt ma kienu ntlaħqu, la qabel u lanqas mal-għeluq tal-istaġuni rispettivi.
B’hekk l-FKNK sostniet li dan juri li l-popolazzjonijiet fis-selvaġġ, kemm tal-gamiem, kif ukoll tal-pluvieri qegħdin jiżdiedu b’mod sostanzjali u sostenibbli.
L-FKNK stqarret kif dan ixejjen dak li tgħid il-Kummissjoni Ewropea u kif ukoll il-Birdlife. Dwar din tal-aħħar l-FKNK tenniet li b’din l-aħbar ta’ llum, il-kalkoli tan-numri ta’ BirdLife Malta jibqaw kalkoli skorretti. Dan meta ta’ sikwiet iddikjaraw li jkun hemm nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-qbid mill-kaċċaturi u nassaba biex dawn jisguraw li ma jagħlaqx xi staġun tal-kaċċa u/jew tal-insib, qabel iż-żmien.
Il-Federazzjoni rringrazzjat ukoll lill-Ministru għall-Għawdex, Clint Camilleri u lill-WBRU għall-pożizzjoni tagħhom favur din it-tradizzjoni soċjo-kulturali u tenniet li se tkompli taħdem b’aktar saħħa biex terġa’ tkun permessa t-tradizzjoni tal-kaċċa u l-insib tal-gamiem fir-rebbiegħa filwaqt li jkompli l-insib anke tal-pluvieri.