Il-Ħadd filgħodu, għalqu n-nomini għall-karigi ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit u karigi fl-Amministrazzjoni u fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista rċeviet in-nomina ta’ Ian Borg.
Għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista rċeviet in-nomina ta’ Alex Agius Saliba.
Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista laqgħet ukoll in-nomini għall-karigi ta’ President, Viċi-President, Segretarju Internazzjonali u Segretarju Organizzattiv fi ħdan l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista, tefgħu n-nomina tagħhom Alex Sciberras u Norma Saliba.
Għall-kariga ta’ Viċi-President, tefa’ n-nomina tiegħu Louis Gatt.
Għall-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali, tefgħu n-nomini tagħhom John Grech u Georvin Bugeja.
Għall-kariga ta’ Segretarju Organizzattiv, tefa’ n-nomina tiegħu l-Perit William Lewis.
Il-Kummissjoni laqgħet ukoll in-nomini għal Tnax-il Membru Ordinarju fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, fejn issottomettew in-nomina tagħhom tmienja u tletin membru.
In-nomini ġew milqugħa fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bejn il-Ġimgħa tlieta u għoxrin ta’ Awwissu sal-Ħadd, ħamsa u għoxrin ta’ Awwissu.
Il-votazzjoni se ssir nhar il-Ġimgħa, tlettax ta’ Settembru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista f’Malta u ċ-Ċentru Laburista ta’ Sannat f’Għawdex u l-għadd tal-voti jsir dakinhar stess wara li tagħlaq il-votazzjoni.