L-iskejjel kollha fi Queensland fl-Awstralja ngħalqu wara l-għarar li ġie kkawżat minħabba iċ-ċiklun Debbie.
Kmieni din il-ġimgħa ċ-ċiklun b’saħħtu li laħaq irwiefen ta’ 263 kilometru fis-siegha laqat lill-kosta ta’ Queensland fl-Awstralja fejn aktar minn 25,000 persuna kienu mħeġġa jevakwaw kawża taċ-ċiklun Debbie.
Għalkemm issa mhux qed jissejjaħ iktar bħala ċiklun, il-maltemp laqat il-kapital ta’ Queensland, Brisbane, b’madwar 200mm ta’ xita f’madwar sagħtejn.
S’issa ma sar ebda rapport ta’ persuni li ndarbu waqt dan il-maltemp kiefer, iżda l-awtoritajiet għalqu aktar minn 1,000 skola u qed iwissu lil kulħadd biex jibqgħu d-dar.