Matul il-jum, bosta Dipartimenti, Entitajiet u Awtoritajiet ħabbru bidliet fis-servizzi jew għalqu l-bibien tagħhom għall-pubbliku, bħala prekawzjoni biex ma jinxtiridx il-Coronavirus.
Heritage Malta ħabbret li l-mużewijiet nazzjonali operati minnha, għalqu l-bibien għall-viżitaturi b’effett immedjat, u se jibqgħu magħluqin sakemm jinħareġ komunikat uffiċjali ieħor.
Għalqu l-bibien tagħhom ukoll it-teatri pubbliċi, u ġew sospiżi avvenimenti kulturali tal-massa organizzati minn entitajiet pubbliċi.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali qal li din id-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjonijiet bejn il-Ministeru u d-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa Pubblika.
L-istess azzjoni ħaditha Fondazzjoni Wirt Artna li għalqet b’mod temporanju l-mużewijiet u attrazzjonijiet, fosthom is-Saluting Battery u Lascaris War Rooms fil-Belt, u Fort Rinella u l-Mużew tal-Gwerra fil-Kottonera.
Numru ta’ ristoranti u barijiet li jiffurmaw parti mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel qalu li se jgħalqu għall-jiem li ġejjin, wara li fl-aħħar ġranet raw biss ftit klijenti jew saħansitra xejn.
L-Assoċjazzjoni laqgħet il-miżuri ekonomiċi mħabbra mill-Prim Ministru s-Sibt meta fi kliemha, ħa azzjoni immedjata.
Il-Bank of Valletta appella fi stqarrija biex il-pubbliku juża s-servizzi onlajn minflok imur fil-fergħat.
Appella biex b’mod partikolari l-anzjani, ma jmorrux il-banek sakemm mhux għal xi ħaġa urġenti li ma jistgħux jinqdew onlajn.
Mis-Sibt ukoll l-HSBC għalaq diversi fergħat ta’ banek u baqa’ jopera biss mill-ħames fergħat ewlenin tal-Belt, Mosta, Tas-Sliema, Raħal Ġdid u r-Rabat Għawdex.
L-Awtorità tal-Ippjanar issospendiet il-laqgħat kollha tal-Bord tal-Ippjanar u tal-Kummissjoni tal-Ippjanar mit-Tnejn li ġej. Din id-direttiva se tibqa’ fis-seħħ sakemm terġa’ tavża l-Awtorità.
L-istess Awtorità naqqset in-numru ta’ ħaddiema li jipprovdu servizzi ta’ customer care lill-Periti u lill-pubbliku. Mit-Tnejn, dawn is-servizzi se jingħataw biss mill-uffiċini tal-Awtorità fil-Furjana, filwaqt li s-servizzi mogħtija mill-uffiċċju fir-Rabat Għawdex se jkunu limitati.
Sadanittant, ħlasijiet huma mħeġġa li jsiru onlajn, jintbagħtu b’ċekk jew fil-fergħat tal-posta.