Is-Sibt f’nofsinhar għalaq l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiem.
Ftit siegħat qabel jgħalaq l-istaġun inżilna fl-akwati ta’ fomm ir-riħ fejn hemmhekk iltqajna mal-President tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, Lucas Micallef li kien qed igawdi l-aħħar sigħat tal-istaġun tal-kaċċa flimkien ma’ missieru.
Micallef spjega kif din is-sena t-temp ma kienx wieħed ideali għall-kaċċa tal-gamiema iżda għall-kaċċatur xorta waħda kien staġun pożittiv hekk kif kellhom iċ-ċans igawdu d-delizzju tagħhom u joħorġu għall-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa wara sitt snin.
Hu qal, “Dan iż-żmien il-kampanja Maltija hija sabiħa mmens. Tibda tosserva diversi fenomeni tan-natura, għalkemm gamiem ma ġiex minħabba t-tibdil fil-klima li għandna, t-temp qisu għadu mgerfex ukoll, numru ta’ gamiem ma kellniex imma għallinqas qgħadna fil-kwiet nosservaw u nammiraw l-istaġun ferm sabiħ.”
Il-Gvern din is-sena fetaħ l-istaġun għall-kaċċa ristretta għall-1,500 gamiema.
Lucas spjega kif jinżamm rendikont tal-ammont ta’ gamiem li jinqabad biex jekk tinqabeż il-kwota jingħalaq l-istaġun b’mod bikri.
Hu rrimarka, “Obbligati li meta inti taqbad gamiema jew summiena f’dan iż-żmien trid tirraporta mill-ewwel b’sistema billi ċċempel freephone jew inkella hemm application fuq smartphones fejn tirreġistra qbid instantament. Meta tintlaħaq il-kwota l-birds regulation unit li huwa r-regolatur f’dan il-qasam jinforma lil liċenzjati kollha li l-istaġun ikun magħluq kif fil-fatt ġara f’Settembru tas-sena l-oħra.”
Huwa temm jgħidilna kif il-kaċċatur huwa l-konservazzjonist tal-ambjent u ma jaqbel qatt mal-qtil ta’ speċi protetti minn uħud li m’għandhomx rispett lejn id-delizzju tal-kaċċa u lejn il-komunità.
Micallef stqarr, “Meta isir reat li jista’ jħalli wkoll impatt negattiv fuq il-komunità nnifisha, aħna kif tafu dejjem ikkundannajna, dik għalina mhux kaċċa, anzi dawn it-tip ta’ nies aħna lanqas inqisuhom kaċċaturi, meta inti tagħmel reat li tkun qed tieħu speċi li mhux suppost toħodha f’dan ir-rigward.”