Il-miżuri ta’ trażżin tal-Coronavirus li jvarjaw bejn pajjiż u ieħor fl-Ewropa ħadu żvolta mhux tas-soltu. Ħanut tal-ħwejjeġ mibni eżattament fuq il-fruntiera bejn l-Olanda u l-Belġju kellu jissiġilla l-parti tal-ħanut li tinsab fuq in-naħa Belġjana filwaqt li żamm miftuħa in-naħa Olandiża.
Dan hekk kif il-Belġju għalaq il-ħwienet kollha minħabba l-imxija tal-Coronavirus, filwaqt li l-Olanda żammet il-ħwienet miftuħin.
Il-ħanut jinsab fir-reġjun ta’ Baarle-Nassau, fejn il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi tgħaddi f’nofs diversi toroq.
Kelliem għall-ħanut spjega li fin-naħa Olandiża hemm għal bejgħ ħwejjeġ tat-tfal u tan-nisa. Iżda b’xorti ħażina għall-irġiel, il-ħwejjeġ tal-irġiel jinsabu fin-naħa tal-ħanut li taqa’ f’territorju Belġjan u għaldaqstant, ma jistgħux jinbiegħu.
Qed ikun ittamat li n-naħa Belġjana tal-ħanut tinfetaħ mill-ġdid fil-11 ta’ Mejju, meta l-Belġju mistenni jibda jerħi l-miżuri ta’ lockdown li ttieħdu fl-aħħar ġimgħat u jippermetti l-ftuħ ta’ ħwienet mhux essenzjali.