Ingħalaq b’suċċess il-proċess ta’ sottomissjonijiet favur it-tender għall-proġett tal-Imsida Creek.
Fost ħafna affarijiet oħrajn, dan il-proġett se jara l-bini ta’ flyover ġdida, minflok it-traffic lights fil-junction eżistenti. Il-pjani ta’ dan il-proġett se jkunu qed jaraw ukoll li 60% tal-proġett kollu jkun iddedikat għal spazji pubbliċi miftuħa favur ambjent aktar pjaċevoli fl-inħawi. Dan, fost oħrajn, bi pjazza ġdida ta’ 2,200 metru kwadru quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp fl-Imsida.
Għal dan il-proġett b’kollox hemm intefgħu tliet applikanti, dawk ta’ EPE JV, Shining Star Infrastructure & Construction Co. Ltd u RM Construction Ltd.
Fi stqarrija, Infrastructure Malta sostniet li issa jibda l-proċess ta’ aġġudikazzjoni li minnu se jiġi determinat l-aqwa kandidat responsabbli għat-twettiq ta’ dan il-proġett maġġuri.