Bħalissa hu dak iż-żmien tas-sena meta l-ewwel frieħ tal-Garnija (Yelkouan Shearwater) ikunu qed iħallu l-bejta fl-irdumijiet u jibdew jitgħallmu kif jaħsbu għal rashom fuq il-baħar.
Sfortunatament, f’dan il-mument delikat dawn l-għasafar żgħar ħafna drabi jitħawdu meta jaraw id-dwal qawwija u ħafna minnhom jispiċċaw fuq l-art. Din l-ispeċi ta’ għasafar tal- baħar issib diffikultà fuq l-art fi żmien meta l-frieħ lanqas ikunu għadhom kapaċi joqogħdu fuq saqajhom u għalhekk ikunu jinħtieġu l-għajnuna.
Jekk tara xi wieħed minn dawn wieqaf xi mkien, tista’ ċċempel lil BirdLife Malta li tibgħat lill-membri tagħha mill-ewwel fil-post biex jipprovdu l-għajnuna. In-numri tat-telefon tal-uffiċċji ta’ BirdLife Malta huma 2134764 5/6 waqt li barra l-ħinijiet tal-uffiċċju (filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa) tista’ ċċempel fuq 7925 5697.