Xjentisti skoprew pjaneta li tixbah lid-dinja. Rory Barnes, mill-Università ta’ Washington, qal li jekk ir-riċerkaturi ilhom żmien itellgħu u jniżżlu fuq liema pjaneta se jfittxu l-ħajja l-ewwel, din hi.
Proxima Centrauri, l-istilla l-iktar qrib ix-xemx , għandha pjaneta. Tiżen daqs id-dinja u għalhekk wieħed jistenna li fuqha hemm il-ġebel. Iktar minn hekk qed jingħad li tinsab f’żona li fiha tista’ żżomm il-ħajja għax it-temperatura fil-wiċċ x’aktarx hi bejn 0°C u 100°C.
Din l-iskoperta saret waqt dik li qed tissejjaħ “kaċċa għal pjaneti” minn riċerkaturi li kienu fiċ-Ċili u għalkemm il-pjaneta ma rawiex direttament l-eżistenza tagħha tirriżulta mill-effett tagħha fuq l-istilla.
M’għandniex xi ngħidu minn issa l’ quddiem tibda riċerka liema bħalha għax f’dawn il-każi l-affarijiet mhumiex faċli daqs kemm jidhru meta miktuba. Peró donnu hawn min qed isostni t-teżi li b’din l-iskoperta jaf nirealizzaw darba għal dejjem li m’aħniex waħedna.