Jack Mizzi, li għandu 17-il sena, stabilixxa rekord ġdid fiċ-Chess f’Malta, meta fis-17 ta’ Settembru kien ir-rebbieħ tal-Malta Blitz Championship, fejn rebaħ id-disa’ logħbiet li kellu u sar wieħed mill-ftit li rebaħ kampjonat ta’ din ix-xorta b’rebħiet massimi
Il-Malta Blitz Championship huwa avveniment annwali organizzat mill-Malta Chess Federation, li fih ħadu sehem 32 parteċipant minn pajjiżi differenti, fosthom il-Ġermanja, it-Turkija, is-Serbja u ċ-Ċina.
B’differenza mil-logħba taċ-Chess tradizzjonali, fejn logħba taf iddum aktar minn tliet sigħat, fil-Blitz kull plejer ikollu tliet minuti b’żieda ta’ żewġ sekondi u kull logħba ma tieħux aktar minn għaxar minuti.
Mizzi ilu jilgħab iċ-chess minn mindu kellu għaxar snin. Ta’ tlettax-il sena huwa kien l-iżgħar plejer li rebaħ il-preliminari tal-kompetizzjoni lokali. Is-sena li għaddiet huwa sar l-iżgħar Malti li qatt rebaħ it-titlu ta’ Candidate Master, li jingħata mill-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Chess lil dawk il-plejers li għandhom ċans kbir li jsiru masters.
It-trofew tal-Atlas atleta żagħżugħ tax-xahar għal Settembru 2023 flimkien mal-voucher t’abbiljament sportiv abbinat ma’ dan il-premju ġew ippreżentati lil Jack Mizzi minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer u David Cassar Business Development & Marketing Manager ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Sandro Micallef u s-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominati li jiġu evalwati jridu jkunu taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’imejl lil info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li hu www.maltasportsjournalists.com.
Ritratt: Mix-xellug: Sandro Micallef & Lorraine Cunningham (MSJA), Jack Mizzi, Robert Micallef & David Cassar (Atlas Insurance).