Jack Mizzi ta’ 16-il sena, l-Junior Champion renjanti (U20), għadu kif ipparteċipa fil-Kampjonat taċ-Ċess tal-ESNA li sar fil-Liechtenstein. F’dan il-kampjonat ħadu sehem Andorra, Ċipru, il-Gżejjer Faroe, Guernsey, Jersey, Liechtenstein, Lussemburgu, Monaco u San Marino.
Fil-kampjonat prestiġjuż li jsir kull sentejn, kien hemm fost il-parteċipanti żewġ Grand Masters (Andorra u Monaco), International Master (Lussemburgu), żewġ Fide Masters (Ċipru u San Marino) u Candidate Master (Guernsey).
Jack, li kien l-iżgħar plejer u bl-inqas punti ta’ rating (1863), issorprenda lil kulħadd meta fl-ewwel żewġ rounds tal-kompetizzjoni kellu bidu perfett u għeleb lil IM Fred (2300) u FM Michaelides (2304). Fit-tielet round, Jack tilef kontra GM Henderson minn Andorra; plejer bl-ogħla rating (2504) u l-favorit tat-turnew. Mizzi mbagħad kompla bil-prestazzjoni tiegħu biex għeleb lil FM Volpinari (San Marino) u Carpenter (Jersey). Sal-ħames round Jack kien ikklassifikat fit-tieni post konġunt.
Is-sitt round ra l-konfront dirett bejn l-aktar plejers b’saħħithom tal-kampjonat, fosthom il-logħba ta’ Jack kontra l-plejer Apol tal-Gżejjer Faroe, li kien rebaħ il-logħob kollhu tiegħu. Il-konfront spiċċa bit-tieni telfa għal Jack. Dan kien segwit minn telfa oħra wara l-logħba kontra GM Efimov ta’ Monaco fis-seba’ round.
Jack irkupra u rebaħ meta għeleb lil Frick (Liechtenstein) u kiseb draw fl-aħħar round tiegħu kontra CM Kirby (Guernsey).
L-avvanz ta’ Jack b’wirja ta’ logħob bi prestazzjoni ta’ 2234, kien riżultat eċċellenti, u huwa mistenni li ż-żagħżugħ Malti jikseb aktar minn 140 punt ta’ rating. Dan huwa suċċess li fid-dinja taċ-Ċess huwa meqjus bħala riżultat rari u impressjonanti. Jack bħalissa jifforma parti mill-Malta Olympics’ Committee Youth Development Scheme u ftit tal-ġimgħat ilu, għadu kif ħa sehem fl-Olimpijadi taċ-Ċess li saru f’Chennai, l-Indja. Il-plejer żagħżugħ irrappreżenta wkoll lil Malta kemm-il darba bħala Junior.
Il-kampjonat ESNA intrebaħ minn GM Henderson segwit minn GM Efimov u Apol. Iktar dettalji dwar il-kampjonat jinsabu fuq https://chess-results.com/tnr675539.aspx?lan=1&art=4