Fl-età ta’ 18-il sena, Jack Mizzi huwa r-rebbieħ il-ġdid tad-89 edizzjoni tal-Kampjonat Nazzjonali taċ-Ċess. Mizzi huwa wkoll il-Junior Champion renjanti – titlu li ilu f’idejh għal dawn l-aħħar tlett snin. Il-Finali saru bħas-soltu fuq double round robin format, fejn kull finalist lagħab kontra xulxin darbtejn – darba bl-abjad u darba bl-iswed. Mizzi kien l-unika plejer li ma sofra ebda telfa, u rnexxielu jikseb 8 punti minn massimu ta’ 10. Mizzi rebaħ lil Matthew Portelli, Jake Darmanin u David Cilia Vincenti darbtejn, u kiseb draw kontra Colin Pace li kien champion is-sena l-oħra, u ieħor kontra Robert Novak. Mizzi huwa l-25 plejer li rebaħ il-Malta Championship, u wieħed mill-iżgħar plejers li kiseb dan is-suċċess.
Robert Novak, plejer mat-tim nazzjonali u kowċ nazzjonali taċ-ċess, spiċċa fit-tieni post u għaldaqstant se jkun qed jikkwalifika għal finali tal-Kampjonati tas-sena d-dieħla b’mod awtomatiku. Novak għeleb lil Darmanin u Cilia Vincenti darbtejn, u tilef u ġab draw kontra kemm Portelli u Pace.
Ir-rebbieħ nazzjonali tas-sena li għaddiet Colin Pace, issielet ferm biex jiddefendi t-titlu tiegħu għall-għaxar darba. Iż-żewġ telfiet kontra Portelli u l-oħra kontra Cilia Vincenti, għamlu din l-isfida impossibbli. Minkejja dan, huwa irnexxielu jikseb erba rebħiet kontra Cilia Vincenti, Darmanin darbtejn u Novak.
Matthew Portelli, fl-età ta’ 12-il sena kien wieħed mill-iżgħar parteċipanti f’dan il-kampjonat. Portelli tfaċċa fix-xena taċ-ċess sentejn ilu, u fi żmien daqshekk qasir irnexxielu jirbaħ l-aħħar edizzjoni tal-Istudents Arena Grand Prix, kif ukoll spiċċa runner-up fil-Juniors Under 16 Championship.
Fis-senior championships, Mario Psaila żamm it-titlu tiegħu tal-over 65, u jaqsam it-titlu tal-over 50 ma’ Conrad Thake.
Intant disa plejers ħadu sehem f’single round robin fit-tournament li sar waqt il-finali taċ-championships. Elena Ghitza, li riċentement fuq l-ewwel bord, kienet parti mit-tim nazzjonali tan-nisa fl-Olimpjadi, rebħet it-tmien logħbiet tagħha fil-parallel tournament.