Raġel mill-Kamerun, ta’ 25 sena, se jkun estradit lejn il-Ġermanja wara ħruġ ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew, maħruġ fuq talba tal-Awtoritajiet Ġermaniżi.
Ir-raġel kien imfittex sabiex jgħaddi proċeduri kriminali dwar serqa armata u kriminalità organizzata li hu mixli dwarha fil-Ġermanja.
L-istess persuna bħalissa qed jiskonta sentenza fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, wara li f’Settembru li għadda nstab ħati fuq reati relatati ma’ passaporti foloz.
Ir-raġel ġie arrestat ilbieraħ mill-Pulizija Maltija mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fejn tressaq il-Qorti aktar kmieni illum biex jibda proċeduri ta’ estradizzjoni fejn aċċetta li jiġi estradit lejn il-Ġermanja.
Huwa se jibqa’ jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Galea, mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali.