Meta Ryan Jessen, raġel ta’ 33 sena, ħalla d-dinja x-xahar li għadda wara emorraġija fil-moħħ, l-istaff tal-isptar fi Florida fl-Istati Uniti aċċettaw xewqa mhux tas-soltu tal-familjari ta’ Ryan.
“L-isptar aċċetta li nieħdu lill-kelba ta’ ħijja tarah għall-aħħar darba biex tagħtih l-aħħar tislima, dan biex tkun taf għalfejn sidha qatt ma rritorna lura d-dar. Jekk tafu lil ħijja, tafu sew kemm kien iħobbha,” qalet oħt Ryan, Michelle, fuq il-profil tagħha tas-sit soċjali Facebook.
Filwaqt li Michelle poġġiet il-filmat fuq Facebook biex il-familjari jkunu jistgħu jsegwu, dan il-filmat ġibed l-attenzjoni ta’ miljuni ta’ persuni. Il-filmat kellu madwar 253 elf reazzjoni u rawh madwar 18-il miljun darba fuq Facebook.
Michelle fl-istess messaġġ fuq Facebook aċċertat lil kulħadd li Molly, il-kelba ta’ ħuha, tinsab f’idejn tajba u li m’għandhom l-ebda ħsieb biex isibulha sid ġdid għax Molly hi parti mill-familja tagħhom.
Oħt Ryan temmet tgħid li bis-saħħa li ħuha kien donatur tal-organi, ġuvni ta’ 17-il sena se jkun qed jirċievi qalb ġdida biex igawdi l-Milied mal-familja tiegħu.