Karl Kreile u Bodo Mende huma l-ismijiet ta’ żewġt’irġiel li isimhom se jibqa’ mnaqqax fl-istorja bħala l-ewwel koppja omosesswali li żżewġet fil-Ġermanja.
F’Berlin, iż-żewġt’irġiel – li ilhom flimkien 38 sena, wiegħdu mħabbithom lejn xulxin proprju fil-ġurnata li ż-żwieġ ugwali sar legali fil-pajjiż.Għall-kuntrarju ta’ Ħdud oħra, uffiċċji tar-reġistru f’diversi bliet Ġermaniżi fetħu matul il-jum, biex koppji omosesswali li riedu jiżżewġu f’dan l-ewwel ċans li kellhom, setgħu.
Il-Parlament Ġermaniż ivvota għall-introduzzjoni taż-żwieġ indaqs f’Ġunju, wara li l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel sejħet għal vot dwar is-suġġett.