Għal Jum il-Missier l-anzjani missirijiet li jgħixu fir-residenzi ta’ Malta u Għawdex setgħu jkellmu lil uliedhom mingħajr perspex jew ħġieġ quddiemhom.
Dawn setgħu ukoll jirċievu xi rigal mingħandhom għal dan il-jum iddedikat għalihom, iżda qabel ma dawn ir-rigali jingħataw lill-anzjani xorta waħda jridu jinżammu f’post sigur għall-perjodu indikat mill-awtoritajiet tas-saħħa.
F’din l-okkażjoni s-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis żar xi djar tal-anzjani u saħaq li Jum il-Missier hija festa għażiża għal ħafna u issa bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri l-ġodda l-qraba jistgħu jaraw lill-għeżież tagħhom.
Fil-Gżira tat-tliett għoljiet, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Villa San Lawrenz u l-Active Ageing Centre tax-Xewkija sabiex fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier iqassam ir-rigali lill-missirijiet. Il-Ministru Camilleri qal li dan huwa ġest żgħir bħala turija ta’ apprezzament lill-missirijiet u lill-ħaddiema li jieħdu ħsieb missirijietna, li baqgħu jaħdmu b’tant dedikazzjoni matul dan iż-żmien diffiċli li għaddejna minnu.
Huwa qal li għalkemm huwa żmien diffiċli għal xi wħud minħabba li jinsabu fl-isptarijiet, appella lill-ulied sabiex ma jinsewx lil missirijiethom u jsibu mezz kif jikkomunikaw magħhom.
Min-naħa tiegħu l-President ta’ Malta George Vella, f’attività apposta għal missirijiet fil-palazz ta’ San Anton, qal li l-missier mhuwiex biss dak bijoloġiku iżda missier hu dak li jiffosterja jew jadotta u dawk li jieħdu ħsieb tfal u jiżguraw li jkollha futur mill-isbaħ b’valuri sodi.