Iżrael aċċettat biex ikun hemm waqfien mill-ġlied fl-Istrixxa ta’ Gaza, bil-għan li l-popolazzjoni tieħu t-tilqima kontra l-polio, li qed tkompli tinxtered b’saħħa kbira f’din iż-żona.
Qalet dan l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, fejn qed jimmiraw li minn nhar il-Ħadd jibdew u jlaqqmu madwar 640,000 tifel u tifla. Dan il-proċess se jkun qed jinqasam fi tliet stadji u f’kull stadju, il-ġlied se jkun qed jieqaf għal tlett ijiem bejn is-sitta ta’ filgħodu u t-tlieta ta’ waranofsinhar.
Dan il-ftehim wasal wara li l-Ġnus Magħquda qalet li tarbija ta’ 10 xhur ġiet parzjalment paralizzata wara li ħadet l-ewwel każ ta’ polio f’Gaza.