Iżrael qiegħed ikun affaċċjat minn kritika ħarxa b’rabta mal-attakk pjanat fil-belt ta’ Rafah fin-nofsinhar ta’ Gaza li tinsab mimlija refuġjati Palestinjani.
Dawn huma reazzjonijiet għall-ordnijiet tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu biex il-militar ikun preparat ħalli jevakwa persuni minn din il-belt qabel jingħata bidu għall-attakk kontra l-Hamas.
Fost dawk li ħarġu jikkritikaw l-operazzjoni offensiva li qiegħed jippjana Iżrael hemm is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit u l-eks Prim Ministru, David Cameron. Huwa ddikkjara kif aktar min-nofs il-popolazzjoni ta’ Gaza tinsab f’xelters f’din iż-żona.
Mal-istess sentiment ingħaqad il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Olanda, Hanke Bruins Slot, li wissiet kif tali operazzjoni se tħalli ħafna fatalitajiet.
L-Arabja Sawdija ukoll qalet li attakk ta’ dan it-tip se jkollu riperkussjonijiet serji ħafna, filwaqt li l-mexxejja ta’ Gaza li huma militanti tal-Hamas, qalu kif tali attakk mistenni li jħalli għexieren ta’ eluf ta’ persuni mejta.
Dan apparti li l-Hamas iddikkjaraw kif jekk Iżrael jipproċedi b’offensiva ta’ dan it-tip se jkun qed iwaqqaf kull progress li diġà sar marbut ma’ negozjati bejn il-partijiet, fosthom rilaxx ta’ ortaġġi Iżraeljani miżmuma f’Gaza.