Il-Ġimgħa filgħaxija għexieren ta’ missili ġew sparati min Iżrael lejn Gaża u mietu mill-inqas 10 persuni inkluż kmandant.
Dan sar b’reazzjoni għal theddid minn grupp militanti Palestinjani.
Uffiċjali tas-saħħa lokali qalu li tifla ta’ 5 snin kienet fost il-mejtin filwaqt li 55 oħra sfaw midruba.
Dan l-iżvilupp seħħ wara li l-forzi Iżraeljani kkonfermaw li rnexxielhom joqtlu wieħed mill-ogħla uffiċjali tal-Jihad Iżlamiku Palestinjan.
Gaża irribattu lura billi sparaw mitt missila lejn bliet Iżraeljani, inkluż Tel Aviv.
Il-Prim Ministru Iżraeljan Yair Lapid qal li Iżrael mhux se jippermetti li organizzazzjonijiet terroristiċi jistabbilixxu l-aġenda.
L-Eġittu, li aġixxa bħala medjatur bejn iż-żewġ naħat fil-passat, qed jiġi rrappurtat li qed joffri li jaġixxi bħala medjatur għal darb’oħra fi sforz biex jipprevjeni aktar eskalazzjoni.
Il-Jiħad Iżlamiku Palestinjan li huwa wieħed mill-aktar gruppi militanti b’saħħithom li joperaw f’Gaża, huwa appoġġjat mill-Iran u għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu fil-kapitali Sirjana Damasku.