Iżrael iddikjara li l-Hamas ma kienux għaddew il-ġisem tal-ostaġġ Shiri Bibas iżda minflok kienu ngħataw il-katavru ta’ persuna anonima mingħajr identifikazzjoni.
Shiri Bibas kienet ġiet maħtufa flimkien ma’ uliedha, Ariel ta’ 4 snin u Kfir ta’ 9 xhur, mill-kibbutz Niz Or waqt l-invażjoni tal-Hamas f’Iżrael f’Ottubru 2023.
Ilbieraħ il-Forzi tad-Difiża ta’ Iżrael ikkonfermaw li kienu rċevew l-iġsma tat-tfal iżda l-katavru, li l-Hamas qal li kien ommhom, filfatt ma kienitx hi u għalhekk il-grupp militanti kiser il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied. Skont il-ftehim kellhom jirritornaw erba’ ostaġġi mejta.
Jidher ukoll li l-ġisem ma jappartjeni għall-ebda ostaġġ fil-lista u mhemmx indikazzjoni min tista’ tkun din il-mara.
Ir-raba’ katavru rritornat kien dak tal-ġurnalista u attivista tal-paċi Oded Lifshitz li kellu 83 sena meta nħataf.
Il-Hamas kien qal li dawn mietu waqt attakki mill-ajru minn Iżrael fil-bidu tal-gwerra iżda qatt ma kien hemm evidenza jew konferma ta’ dan.
Il-katavri kienu mgħoddija f’erba’ twiebet suwed f’dimostrazzjoni pubblika fil-preżenza ta’ għexieren ta’ militanti armati tal-Hamas u folla ta’ nies Palestinjani. F’Tel Aviv inġabru bosta nies, uħud jibku, faċċata tal-kwartieri tad-difiża ta’ Iżrael fi pjazza li qed tissejjaħ il-Misraħ tal-Ostaġġi.
Sadanittant, il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu ħalef li jelimina lil Hamas u qal li dawn l-erbat itwiebet ifissru aktar minn qatt qabel li riedu jassiguraw li ma jkun hemm l-ebda ripetizzjoni tal-attakk tas-7 t’Ottubru.
Volker Turk, f’isem il-Ġnus Maqħquda, qal li d-dimostrazzjoni pubblika bl-iġsma tal-ostaġġi kienet krudili u tmur kontra l-liġi internazzjonali ta’ trattament dinjituż li jirrispetta lill-familjari.
Il-familja Bibas saret simbolu qawwi li jirrappreżenta l-251 ostaġġ Iżraeljan li nħatfu fis-7 t’Ottubru 2023 minħabba l-fatt li Kfir kien l-iżgħar persuna mittieħda. Missier it-tfal, Yarden Bibas, kien inħeles fl-1 ta’ Frar bħala parti mill-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Hamas.
Għada s-Sibt, skont il-Hamas, mistennija jinħelsu l-aħħar sitt ostaġġi ħajjin skont il-ftehim. F’Jannar bdew jiġu rilaxxati ostaġġi li salvaw il-perjodu ta’ priġunerija, bħala l-ewwel fażi mill-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied li kienet tkopri sitt ġimgħat.