“Minkejja li ngħixu ’l bogħod minn Malta, l-imħabba lejn pajjiżna u lejn il-lingwa ma tmut qatt.”
Dan kien is-sentiment ta’ numru ta’ Maltin li ltqajna magħhom fiċ-Ċentru Malti ta’ New York. Sibna lil min jieħu belgħa te, pastizz jew tnejn, jew xi flixkun birra, waqt li oħrajn bdew logħba boċċi.
Iltqajna ma’ John, Larry, Gino, Carmelo, u Angelo, li nġabru flimkien biex jgħidu kelma waqt li jġeddu l-memorji tagħhom ta’ meta kienu jgħixu f’Malta.
Apparti minn hekk, iċ-Ċentru tal-Maltin fi New York jorganizza numru ta’ attivitajiet biex il-Maltin fi New York jibqgħu viċin il-kultura Maltija.
Fost l-attivitajiet li jorganizza dan iċ-ċentru Malti hemm klassijiet tal-Malti biex il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar ta’ demm Malti fi New York jibqgħu jgħożżu l-lingwa Maltija.
Tkellima ma’ dawn il-Maltin dwar l-imħabba tagħhom lejn il-pajjiż tan-nisel tagħhom.
“Ninżel Malta sikwit, ninżel darbtejn fis-sena, nieħu sehem fil-Ġimgħa l-Kbira u ninżel għall-festa tal-Vitorja x-Xagħra u sejrin. Hawn għandi familja, żewġt itfal, two grandchildren.”
“Għandna dan il-każin, niltaqgħu darba fil-ġimgħa. Jien, ngħid għalija, niġi hawn niltaqa’ ma’ sħabi, nirrakkontaw, you know, inqattgħu ftit taż-żmien ma’ xulxin.”
“Niġu hawn il-Ġimgħa, is-Sibt, u l-Ħadd. Qiegħed membru tal-kumitat, lanqas naf kemm ilni – naħseb ilni 15-il sena Viċi President taċ-ċentru, u nippuvaw inżommu l-komunità Maltija f’dan iċ-ċentru.”
“Malta togħġobni wkoll. Inħobb lil Malta għas-sajf, jogħġbuni l-festi u bħala każin jogħġobni because biċċa minn Malta, li tiġi hawnhekk tiltaqa’ ma’ nies Maltin bħalek, nies li ma tkunx tafhom, issir tafhom u l-kultura, għax aħna dejjem infittxu lil xulxin. Fis-sajf nagħmlu l-barbeques: nagħmlu wieħed għall-Imnarja, wieħed għal Santa Marija, u ieħor għall-Vitorja. Fil-Milied nagħmlu members’ party, nagħmlu New Years’ Eve party. So, inħoss li għalkemm ma ngħixux Malta, hawn ħafna Maltin li huma ħbieb tiegħi.”
Il-ħames Maltin qalulna li, minkejja li ħajjithom issa hija fi New York, xorta waħda jħossu n-nuqqas ta’ qrabathom li jinsabu f’Malta. Li hu żgur hu li, ċertament, mhux il-każ ta’ bogħod mill-għajn, bogħod mill-qalb.