- Kunsillieri tal-PN jitkellmu kif ma kellhomx x’jaqsmu
Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista qed isostnu li huma ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-aġir tal-eks Sindku Michael Fenech Adami, li ftit tal-jiem ilu nstab ħati mill-Bord ta’ Gvernanza Lokali li kiser b’mod sfaċċat il-liġijiet tal-Kunsilli Lokali.
Saħansitra dan il-messaġġ twassal lit-tmexxija tal-Partit wara li din qabżet għalih, b’oħrajn jilmentaw ma’ deputati tad-distrett għaliex konxji li b’Beppe Fenech Adami Viċi-Kap, Michael Fenech Adami jista’ jagħmel li jrid.
Filwaqt li xi kunsillieri tkellmu fil-miftuħ dwar l-aġir tal-eks Sindku tagħhom, oħrajn provaw biss ma jesprimux opinjoni pubblika dwar is-suġġett, għaliex żgur ma jistgħu jgħidu li għandu raġun.
Dwar dan se jiżvela dettalji esklussivi ONE NEWS tal-lejla.
Kienu diversi l-każi investigati mill-Bord ta’ Gvernanza Lokali li jitfgħu dawl fuq kif Michael Fenech Adami kien imexxi l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. It-tmexxija ta’ Fenech Adami ddur minn każ għall-ieħor ta’ abbuż u potenzjalment ksur ta’ liġi tal-Kunsilli Lokali.
Każi li għalihom, Michael Fenech Adami, iddefenda ruħu ħafna drabi assisti mill-avukat Karol Aquilina, uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista qrib ħafna ta’ simon Busuttil.
Però l-investigazzjoni sabitu ħati bi ksur tar-regoli finanzjarji tal-Kunsilli Lokali. Fil-fatt, kollox idur ma’ ksur ta’ proċeduri finanzjarji fejn f’kuntratti ta’ eluf ta’ ewro Fenech Adami ddeċieda waħda mingħajr ma nforma lill-Kunsill Lokali. Anke meta l-ammonti ma kienux żgħar. F’rapport dettaljat li daħal każ każ, il-bord irrakkomdanda lid-Direttur tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex jieħdu dawk il-miżuri li l-opinjoni tiegħu huma xierqa fil-konfront ta’ Michael Fenech Adami u l-eks Segretarju Eżekutiv tal-Kunsill Lokali li fi żmienhom seħħew l-irregolaritajiet.