Tniedew diversi servizzi governattivi ġodda offrut b’mod online.
Is-servizzi jinkludu l-Energy Efficiency Website, fejn wieħed jista’ jieħu pariri kif inaqqas il-konsum tad-dawl u l-ilma, pjattaforma biex sewwieqa prospettivi japplikaw għall-permess tat-tagħlim u l-eżami tas-sewqan, il-customer care għall-Awtorità tal-Ambjent, BusinessEnhance.mt, Malta Trade Licences Portal, Legislation MT, l-Arkivji Notarili u r-Reġistru tal-Avukati.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li s-Servizz Pubbliku fl-2016 kien preżenta strateġija li jinbidel il-mod kif is-servizzi pubbliċi jiġu mħaddma b’investiment ta’ €110 miljun.
Semma li s-servizz pubbliku ma jaħdimx ġo bozza imma biex jaqdi lill-klijenti tiegħu, filwaqt li fakkar kif is-servizzi jingħataw 24 siegħa kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa matul is-sena kollha.
Qal li fuq l-internet hemm mill-inqas 1,200 servizz li l-klijenti jistghu jużaw u li jkopru l-oqsma kollha tal-Gvern. Is-Sur Cutajar qal li dan ma ġiex mill-ajru imma permezz ta’ investiment qawwi u bla preċedent fit-teknoloġija.
Il-Kap taċ-Ċivil semma li minbarra s-servizzi online hemm ukoll dawk tradizzjonali bħal-linja 153 u ċ-ċentri ta’ servizz.gov. Bis-Sur Cutajar qal li fuq il-linja 153 kien hemm iżjed minn 180,000 telefonata fl-aħħar xahrejn waqt l-agħar effetti tal-imxija tal-Coronavirus.
Ħabbar ukoll li qed isir investiment biex iċ-ċentri ta’ servizz.gov jitilgħu għal ħmistax mill-ħamsa li hemm illum.