Is-sajjieda se jkunu jistgħu jgawdu minn żieda fis-servizzi offruti lilhom mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd Anton Refalo ntqal li dan qed isir biex jitjiebu l-proċeduri li jgħaddu minnhom is-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Dan minbarra li se jinfetħu wkoll żewg uffiċini ġodda viċin tas-sajjieda f’Marsaxlokk u San Pawl il-Baħar. F’dawn iċ-ċentri, is-sajjied se jkun jista’ jinqeda mingħajr ma jmur id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment Bjorn Callus qal li dawn is-servizzi ser ikunu iżjed iffukati għall-ħtiġijiet tas-sajjieda.
“Trasiferimenti ta’ bastimenti, formularji neċessarji bħat-tiġdid ta’ liċenzji, awtorizzazzjonijiet tas-sajd kif ukoll ħa nkunu qed niffikaw speċjalment kif is-sajjieda għandhom josservaw u jkunu konfermi mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea u dawk nazzjonali li sfortunatament huma mhux ftit.”
Il-Ministru Anton Refalo sostna li l-Gvern qed jagħti sinjal qawwi li jsaħħaħ is-settur tas-sajd.
“Huwa importanti li s-sajjied minbarra nbiddlu l-mentalità, li hemm bżonn is-sajjied ukoll jidra l-ħtiġijiet tal-lum, hemm bżonn li bħala Gvern nuru l-impenn tagħna li ngħinu lis-sajjied. Issa wkoll ħabbarna extended services ħalli s-sajjied ikun jista jiġi għandna ħa niftħu żewġ uffiji, wieħed f’Marsaxlokk u ieħor f’San Pawl il-Baħar ħalli s-sajjied ikun moqdi aħjar.”
Minbarra dan il-Ministru ħabbar li fi sforz biex itejjeb il-qagħda tas-sajjieda li qalgħu daqqa ta’ ħarta waqt il-pandemija Covid-19, is-sajjieda se jkunu eżentati milli jiddikjaraw kemm il-ħuta qabdu matul din is-sena, filwaqt li qed tinħadem ukoll skema ta’ kumpens għat-telf u n-nuqqas ta’ xogħol.