B’investiment ta’ madwar mitt elf ewro, il-Fgura u Santa Luċija issa għandhom vetturi elettriċi għall-qadi u l-bżonnijiet tal-komunitajiet.
Dan l-investiment tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, fejn intqal li dan l-investiment qed isir mill-aġenzija LESA.
Intqal li dan hu investiment ieħor fin-nies, li jolqot direttament lil dawk l-iżjed vulnerabbli, għal iżjed attività fis-soċjetà tagħna.
Il-Ministru Camilleri tenna li, fi żmien sentejn, il-LESA se tkun qed tinvesti tliet miljun u tliet mitt elf ewro f’wieħed u sittin proġett f’diversi lokalitajiet, b’wieħed u għoxrin minnhom huma lesti, filwaqt li erbgħin għadhom qed jiġu implimentati.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li dawn iż-żewġ proġetti għall-użu tal-komunitajiet huma l-frott ta’ ftehim li kien sar bejn l-aġenzija LESA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Min-naħa tagħhom, is-Sindku ta’ Santa Luċija, Charmaine St John, u s-Sindku tal-Fgura, Pierre Dalli, laqgħu dan l-investiment.
Qalet, “Permezz tal-iskema tal-LESA, applikajna għall-fondi Proġett fil-Komunità u aħna applikajna għal vann u applikajna biex inkunu nistgħu nwasslu l-anzjani tagħna u residenti oħrajn, kemm għall-health centre ta’ Raħal Ġdid kif ukoll għall-isptar.”
Dalli qal, “Waħda mill-akbar problemi li kellna hi li, fil-konfini tagħna, għandna żewġt idjar tal-anzjani fejn dawk li jkunu ta’ skomdu biex jiġu fil-lokal tal-Fgura. Għaldaqstant, mil-lum ’il quddiem se nibdew noffru skeda, fejn dawn jibdew jagħtu servizz, kemm fil-lokal tal-Fgura, kif ukoll il-kliniċi li għandna biswit il-lokal tagħna.”