Kulma jmur il-lokalità ta’ San Ġiljan qed tkun ta’ ugigħ ta’ ras għall-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu Bernard Grech, u dan mhux biss bil-ħatra fil-Parlament tal-eks Sindku Albert Buttigieg, li ma jaqbilx mat-tmexxija attwali.
Il-vojt li Buttigieg ħalla fil-kunsill lokali Ġiljaniż, fejn kien qed iservi bħala Sindku, mistenni joħloq aktar konflitti bejn żewġ esponenti Nazzjonalisti wara li, fl-elezzjoni każwali li saret dalgħodu, ma ġiex elett l-uniku kandidat li tefa’ ismu: iċ-Chairperson tal-ADPD, Carmel Cacopardo. Dan ifisser li l-post se jimtela minn xi ħadd li jiġi co-opted mill-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, din il-kwistjoni tinsab fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-kumitat eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li se ssir illejla.
Kif irrapportat il-gazzetta KullĦadd, huwa fatt magħruf li l-eks Sindku, Guido Dalli, li fl-aħħar snin irrifjuta li joqgħod Viċi Sindku ta’ Buttigieg avolja ġab it-tieni l-akbar għadd ta’ voti fl-elezzjoni tal-kunsill, u Clayton Luke Mula, li sadanittant mela l-vojt minfloku, ma jarawx għajn m’għajn. Wara r-riżenja ta’ Buttigieg, il-kariga ta’ Sindku ngħatat lil Dalli, imma hu magħruf li Mula ppretenda li jilħaq Sindku hu.
Albert Buttigieg, li qatt ma ħeba l-ideat tiegħu meta Adrian Delia kien il-Kap, kien akkuża lit-tmexxija ta’ Bernard Grech b’sabutaġġ personali kontrih, u llum qed jitqies bħala bastun ieħor fir-roti għall-Kap tal-Oppożizzjoni. F’intervista li ta l-ġimgħa li għaddiet lit-Times, Buttigieg baqa’ lura milli jikkonferma jekk għandux fiduċja personali f’Bernard Grech.
Min-naħa l-oħra, Grech kien skomdu jwieġeb mistoqsijiet ta’ ONE News wara li, f’dik l-istess intervista, ġie mgiddeb mid-deputat Parlamentari l-ġdid tiegħu dwar il-fatt li l-Partit kien avviċinah biex ma jitfax ismu għall-elezzjoni każwali biex jimtela s-siġġu ta’ Arrigo sabiex ikun jista’ jiġi co-opted il-Viċi Kap, Alex Prici Calascione.
Minkejja dan, Buttigieg ġab fix-xejn dak li ried il-Kap tiegħu, sfidah u tefa’ n-nomina għall-elezzjoni każwali, għax kien jaf li kellu l-akbar ċans li jiġi elett fil-Parlament minflok Arrigo, kif fil-fatt seħħ.
Issa għall-post battal li ħalla Buttigieg fil-Kunsill ta’ San Ġiljan, inħolqot ċirkostanza li mistennija twassal għal konfronti bejn is-Sindku l-ġdid, Guido Dalli, u l-Viċi Sindku, Clayton Luke Mula.
Sorsi fil-PN sostnew li Bernard Grech diġà kellu kollox lest biex, permezz ta’ co-option, jagħti l-pożizzjoni li tbattlet bit-tluq ta’ Buttigieg lil attivist fil-Kumitat Nazzjonalista ta’ San Ġiljan li hu qrib l-istess klikka li mbottat lill-Kap attwali tal-Partit. Il-PN ma kien fadallu l-ebda kandidat mill-aħħar elezzjoni tal-kunsilli li seta’ jitfa’ n-nomina fl-elezzjoni każwali, wara li s-sitta li kienu ħarġu kienu ġew eletti lkoll. Madankollu, eventwalment tefa’ ismu l-Kap tal-ADPD, Carmel Cacopardo.
Wara li Cacopardo dalgħodu ma ġiex elett, se jispiċċa fil-Kunsill il-magħżul ta’ Grech u diġà qed jiġi mbassar li dan se jkun qed imexxi l-aġenda ddettata mid-Dar Ċentrali u jkun il-portavuċi tat-tmexxija. Qed jingħad li dan jista’ jitqabbad ikun medjatur bejn is-Sindku u l-Viċi Sindku, li ma jarmux wisq entużjażmu li jaħdmu flimkien.
Sorsi mill-Kunsill, li tkellmu mal- gazzetta KullĦadd qalu li jemmnu li t-tensjoni u t-trikki trakki bejn is-Sindku Dalli u l-Viċi Sindku Mula se jiżdiedu, waqt li indikaw kif, ma’ kull sekonda li tgħaddi, aktar qed joħroġ ċar kemm il-PN lanqas mhu se jkun kapaċi jmexxi kunsill f’lokalità meqjusa “fortizza Nazzjonalista”.